Il-Fanal tas-Sinjur - Ivan De Battista

https://28f704a959.cbaul-cdnwnd.com/d1dd44934716302a0acacb5dee8245e3/200001104-83daa84d6b/9789993271529.jpg
Lil Ivan De Battista nafu biss mill-pinna tiegħu u mit-televiżjoni. Naf li ħadem f'diversi serjejiet televiżivi iżda kitibx xi wħud minnhom miniex ċert. 

Il-ktieb li għalih qed niddedika din il-kitba ilu għandi żmien twil. Miegħu kont xrajt żewġ volumi oħra tal-istess awtur. Niftakar li kont akkwistajthom f'attività mtella għall-Halloween fejn fi tmiemha, wara serje ta' qatgħat offrewlna x-xiri tagħhom. U jien, allura, xrajthom.

Qed indur mal-lewża bi skop. Did-darba għax dan l-ewwel ktieb li jien qrajt lil binti. Għalkemm hi ma fehmet xejn minnu għamilt ħafna riċerka fejn esponiet il-benefiċċji li aħna l-ġenituri għandna nitkellmu mat-trabi, naqrawlhom, nuruhom il-kuluri u x'naf jien.

Magħha nitkellem fuq diversi suġġetti iżda kemm-il darba ser nerġa' nirrepeti s-sinifikat tal-festa tal-Milied? Kemm-il darba ħa ngħidilha l-ġranet tal-ġimgħa, ix-xhur, l-istaġuni u n-numri? U kemm se ndum indur mal-kċina u l-kamra tas-sodda biex niddeskrivilha dak li hi tkun qegħda tara? Ma nafx kemm-il darba mort quddiem il-magna tal-kafè u, sintendi, għedtilha li dik hi l-magna tal-kafè.

B'hekk irrikorrejt għall-qari. Għalkemm għandha l-kotba tagħha, dawk b'kelma waħda f'kull paġna, xbiha kkulurita tal-oġġett li l-kelma tirrappreżenta u ħafna kuluri inġenerali, ridt li nibdel diskorsi f'diskors ħaddieħor biex nesploraw flimkien aktar ideat fuq xiex nitħadtu (kif nafu aħna - bejn missier u tarbija tat-twelid).

Il-Fanal tas-Sinjur qdieni sew. Miktub b'sempliċità adegwata għall-għan tiegħu li huwa għal tfal li qed jitfarfru ala l-kullana ta' Enid Blyton. Xejn ma nkeddejt li mhi tifhem xejn. L-importanti li sehmet il-lingwa u li qattajna l-ħin flimkien.

Rigward il-kontenut tal-ktieb, fih storja ħewla u avventura li tliet aħwa qassmu flimkien. Jissemma fanal u hemm xadina. Fakkarni fi żmien tfuliti meta kont nikolhom dat-tip ta' kotba. Forsi b'hekk apprezzajtu aktar. Hu x'inhu: rakkomandat.