Minn Xbiehatek Ħadt Ismi

 

Kunċert Vokali u Strumentali

Banda tal-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu

taħt id-direzzjoni ta'


Maestro Johan Debattista


u bil-parteċipazzjoni tas-solista


Vanessa Vassallo


Jum il-Fgura hija ġurnata ferm għall-qalb il-President, il-Kumitat, l-aljievi u l-kumplament tal-membri tal-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu tal-Fgura. Wara kollox mingħajr il-ħolqien tal-villaġġ tal-Fgura, li mall-milja taż-żmien sar raħal prominenti, la kienet tinbena knisja u lanqas ma kienet tifforma banda.


B'hekk, bħal ma ngħożżu l-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, nifirħu wkoll biċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Fgura. Kien minn dan il-ħsieb li tnissel it-titlu tal-kunċert, kemm għax ifakkarna f’isem l-Għaqda kif ukoll f’dak tar-raħal. Mix-xbieha tal-qaddisa patruna tagħna, sawwarna isimna, Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu.


Dan il-kunċert huwa r-raba' wiehed din is-sena. Ftaħniha bil-kunċert ta’ Santa Ċeċilja li jittella’ minn banda differenti kull sena fit-Teatru Manoel. Ma jistax jonqos li dan kien unur kbir għalina minħabba li jridu jgħaddu daqs disgħin sena qabel l-Għaqda tagħna tkun tista’ terġa ddoqq għall-okkażżjoni. It-tieni kunċert kien dak tal-Ġimgħa l-Kbira, Remembranze, imtella’ b’kollaborazzjoni bejn il-Banda Beland taż-Żejtun, il-Banda Sant’Andrija ta’ Ħal-Luqa u l-Banda tagħna. Wara segwa il-kunċert tal-Festa f’Lulju fejn għall-ewwel darba indaqqet medley ta’ Avicii sinkroniżżata mal-logħob tan-nar u l-karti.


Fl-aħħar ikun jifdal għeluq is-sena fejn inwettquh permezz tal-kunċert tal-Milied. Dan kollu huwa possibbli bis-saħħa tas-Surmast Johan Debattista u l-mużiċisti ta’ kull età, apparti l-President, l-Kumitat u l-kummissjonijiet li jaħdmu qagħtih sabiex kull produzzjoni tkun l-aqwa li nistgħu noffru.


Nixtieq intemm din l-introduzzjoni għall-kunċert billi, f’isem il-President, il-Kumitat, is-Surmast u l-membri kollha, nirringrazzjakom li għażiltu li tqattgħu s-serata magħna. Naħtaf ukoll l-opportunità sabiex nisħaq li l-għan ewlieni tal-Għaqda huwa li nkattru l-apprezzament tal-mużika lill-komunità tal-Fgura u oltre billi nħarrġu lil kull min jitħajjar jingħaqad magħna fit-tagħlim u d-daqq tal-mużika. Dan nistgħu nagħmluh biss bil-parteċipazzjoni tagħkom. 


Nawguralkom serata mużikali mill-isbaħ.

Brandon Lee Camilleri, Arkivist



Programm

Innu tal-Parroċċa

Xogħol mużikali tal-mibki Patri Mario Enriquez O. Carm b’lirika ta’ Anġeliku Grech, huwa innu prominenti li jindaqq fil-festa u fiċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin attribwiti mal-Fgura bħala parroċċa. 


Patri Marju, imsejjaħ hekk kif kien magħruf mal-Fgurin, kellu diversi rwoli fil-parroċċa. Serva bħala Direttur Spiritwali, għaqqad l-ewwel grupp tal-Fgura Youth Centre u mexxa l-kor tal-parroċċa Infaħħru lil Marija. Taħt id-direzzjoni tiegħu kellu diversi studenti tal-pjanu u teorija mużikali. Bla dubju, persunaġġ importanti fl-istorja mużikali tal-Fgura.

Bull’s Hit March

Miktub bejn l-1914 u l-1916, trid toqgħod ferm attent kif taqra t-titlu. Uħud jinterpretaw l-isem umoristiku tiegħu bħala l-opinjoni tal-kompożitur W. E. Flathers dwar is-Surmast William (Bull) Walters meta kien idoqq skond il-bakketta tiegħu. Il-marċ, wieħed minn tlieta, inkiteb waqt li Flathers kien f’Chicago, Illinois, fl-Istati Uniti.

Orpheus in The Underworld

Operetta li oriġinat mill-pinna tal-kompożitur Franċiż Jacques Offenbach fejn tirrakkonta l-avventura tal-mużiċist Orpheus li kellu jinżel fl-abissi biex jiġbor lil martu Eurydice. Ħadd ma għandu jaħseb li dak l-iskariġġ kien ser jagħmlu frott xi mħabba għamja lejn martu. Għall-kuntrarju, hu kien kuntent li fl-aħħar ħeles minna iżda l-Opinjoni Pubblika, li f’din il-produzzjoni hija ppersonifikata, kienet opponiet ix-xewqa tiegħu li jgħix mingħajrha u kellu b’hekk jobdi r-rieda tagħha.


Ta’ min jgħid li operetta tista’ tkun meqjusa bħala xogħol mużikali b’xeħta umoristika u li teknikament, jiġifieri minn lagħat ta’ maestrija fil-kompożizzjoni, jkun inqas tekniku minn dik ta’ opera.

And The Waltz Goes On

Din għandha tinżel għasel għall-ammiraturi ta’ Sir Anthony Hopkins, attur ċelebri magħruf għall-karattru makabru li nterpreta f’The Silence of the Lambs, u f’films oħra bħal Bram Stoker’s Dracula u Mask of Zorro.


Dan il-valz huwa, appuntu, xogħol Sir Hopkins li wara li kkomponih fl-1964, b’sorpriża kbira lill-istess attur mingħand martu u l-ġgant tax-xena mużikali klassika mondjali Andre Rieu, fl-aħħar indaqq quddiemu minn orkestra fi Vienna fl-2011. Saħansitra, sena wara Rieu ħareġ album ta’ mużika still klassiku bl-istess isem tal-valz ta’ Sir Hopkins tant ħalliet impressjoni fuqu!

Cinema Paradiso

Dis-silta oriġinat f’film tal-istess isem li ntwera għall-ewwel darba fis-swali taċ-ċinema fl-1988, xogħol id-direttur famuż Taljan Giuseppe Tornatore. It-tema hija dwar it-tfulija tal-protagonist li qed jgħożż il-memorji ħelwin li kellu meta kien ċkejken u anke hu u jikber fosthom meta qabad għall-ewwel darba kamera tal-iffilmjar u ma telaqha qatt minn idejh. Dan kollu meta kien għadu jgħix f’art twelidu Sqallija. Il-mużika hija kompożizzjoni ta’ Ennio Morricone, mużiċist u kompożitur ċelebri Taljan, flimkien ma’ ibnu Andrea. Il-film intlaqa ferm tajjeb mill-udjenza. Xhieda ta’ dan huma l-premjijiet li rebaħ fl-1991, fosthom l-aqwa film ta’ lingwa li mhix l-Ingliż, l-aqwa attur, l-aqwa skript u l-aqwa kompożizzjoni mużikali.


Illejla dil-mużika ser tkun akkumpanjata mill-vuċi tas-solista Mezzo-Sopran Vanessa Vassallo, membru u alljieva tal-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu.  

Petite Fleur

Tfisser ‘fjura ċkejkna’, hija interpretazzjoni ispirata minn kompożizzjoni strumentali stil Jazz klassiku tal-1952, xogħol il-kompożitur, klarinettist u saxafonist Amerikan Sidney Bechet. Snin wara, preċiżament fl-1956, verżjoni solista tal-klarinett ħarġet minn Monty Sunshine meta kien idoqq mal-Chris Barber band iżda bil-kemm għamlet ħoss fix-xena mużikali. Dan kollu inbidel meta tliet snin wara, il-verżjoni ta’ Sunshine tnehdiet mill-ġdid bħala single fil-Ġermanja. Minn hemm, din l-aħqet l-ogħla livelli fiċ-charts mużikali tal-istess pajjiż, tal-iStati Uniti u l-Ingilterra. 


Ironikament, il-verżjoni ta’ Sunshine qallgħet iktar flus lill-kompożitur oriġinali, jiġifieri lil Bechet milli lil Sunshine u l-grupp li kien idoqq fih. 

Moments for Morricone

Ftit qabel indaqqet silta mir-repertorju ta’ Morricone iżda ftit tkellimna dwaru. Moments for Morricone hija medley ta’ uħud mill-aqwa mużika li Morricone ikkompona. Fil-kompożizzjonijiet tiegħu kien jinkorpora strumenti li mhux soltu jinstemgħu. Dan kien evidenti fil-kunċerti tiegħu meta xi mużiċisti kien ikollhom strumenti etniċi. Hu jibqa’ magħruf għall-kontribut mużikali fil-films Once Upon a Time in the West u The Good. the Bad and the Ugly.


L-impatt mużikali li Morricone ħalla warajh huwa rifless fi gruppi stabbiliti bħall-Metallica u The Muse, speċjalment fil-kanzunetta Knights of Sydonia, Dire Straits u Hans Zimmer, kompożitur ieħor tal-istess kalibru. 

Volare

Hija kanzunetta Taljana ta’ Domenico Modugno rrekkordjata fl-1958 li rebbħitu żewġ Grammy Awards. Bħal ma jixhed isimha, li jfisser ittir, hi daret id-dinja kollha bil-melodija ferriħija tagħha u intużat f’diversi films, fi programmi televiżivi kif ukoll fir-reklami.


Il-popolarità tagħha ħajjret diversi artisti sabiex jaqilbu l-lirika ta’ Volare għall-ilsna tagħhom. Min jaf! Forsi kienu ispirati mill-kontenut tagħha minħabba li titkellem dwar is-sens ta’ libertà u ferħ li wieħed iħoss  meta jkollu l-kapaċità jesplora s-smewwiet mingħajr ix-xkiel u l-monotonija tal-ħajja ta’ kuljum.Minkejja d-diversi traduzzjonijiet u interpretazzjonijiet, il-verżjoni oriġinali tibqa l-aktar waħda magħrufa u mfittxija.


Bit-tribut tagħna, qed nagħtu ħajr għall-istorja kulturali u mużikali Taljana li saħħret tant nies warajha.

Beer Barrel Polka

Magħrufa wkoll bħala Roll Out the Barrel, jiġifieri oħorġu l-bettija, hija mużika stil folk mir-Repubblika Ċeka, liema popolarità splodiet mal-wasla tagħha fl-Ewropa fit-tletinijiet u fl-Amerika ftit wara. Il-kompożizzjoni oriġinali inkitbet fl-1927 minn Jaromir Vejvoda bl-isem ta’ Škoda Lásky li tfisser imħabba moħlija iżda sabiex tkun aktar attraenti għas-suq internazzjonali ħadet l-isem bl-Ingliż li nafu llum.


Il-melodija tal-widna u r-ritmu ħaj tagħha imorru sew mal-umoriżmu u l-argumenti diskussi meta erbat iħbieb jiltaqgħu u, kif inħobbu ngħidu aħna l-Maltin, jieħdu tnejn birra. Il-Beer Barrel Polka tradizzjonalment tindaqq f’Ottubru u hija, filfatt, parti mill-iskeda tal-Oktoberfest u ċelebrazzjonijiet oħra attribwiti mal-birrer u xorb simili. 

Beauty and The Beast

Oriġinarjament din hija ħrafa antika li ħadet diversi forom ta’ divertiment matul iż-żmien. Ġenerazzjonijiet maturi jiftakruha f’pubblikazzjonijiet ta’ kotba u rivisti. Żgħażagħ kbar żgur li l-ewwel forma ta’ espożizzjoni kienet mil-film animat ta’ Walt Disney bl-istess isem. Film li kellu suċċess kbir tant li huwa meqjus bħala l-ispirazzjoni moderna għal-logħob, films qosra, twal, musicals u kull xorta ta’ divertiment ieħor li ħarġu fi żminijietna llum.


Filwaqt li l-forom ta’ divertiment inbidlu, it-tema dejjem baqgħet waħda. Dik tal-imħabba. Bejn missier u bintu, bejn in-namrati u bejn il-ħbieb li kollha jagħmlu kull ma’ setagħthom tippermettilhom biex jaqilgħu lil xulxin mill-inkwiet li jkunu fih. Tema oħra prevalenti hija li d-dehra mhix kollox u li wieħed għandu jitqies u jitkejjel minn għemilu wkoll mhux biss mill-apparenza. Forsi kienu dawn it-temi li kebbsu l-popolarità ta’ din l-istorja tul is-snin. M’għandix dubju li s-seher tagħha ser tibqa’ timpressjona t-tfal t’għada wkoll.

ABBA in Concert

Fejn jidħlu l-ABBA diffiċli tagħżel liema silta jaqbel tinterpreta f’kunċert. Għandhom wisq suċċessi! B’hekk għal din is-serata għażilna li ndoqqu medley li tfakkarna fl-aqwa era mużikali tagħhom.


ABBA oriġinaw mill-Iżvezja fl-1972. Kien magħmul minn erba’ membri, Agnetha Fältskog, Björn Ulvaeus, Benny Andersson u Anni-Frid Lyngstad. Interessanti li l-kelma ‘abba’ hija akronimu tal-ewwel ittra tal-isem ta’ kull membru. Apparti s-suċċessi li kisbu tul il-karriera tagħhom, kienu ġabu unur lil pajjiżhom meta rebħu d-dsatax-il edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. Uħud mill-aqwa kanzunetti tagħhom huma Dancing Queen, Mammia Mia, The Winner Takes It All u għal żmien il-Milied, Happy New Year tindaqq mat-tokki tal-ewwel tas-sena.

Carnaval de Paris

Ispirata mill-Karnival ta’ Pariġi, hija mużika orkestrali muvimentata u vivaċi akkumpanjata minn strumenti li mhux soltu nisimgħuhom sabiex jagħmlu l-esperjenza aktar rikka. Il-mużika espressiva li ser nisimgħu llejla tirrifletti l-kuluri vibranti u spettakolari tal-karnival kif narawhom fuq il-kostumi u l-maskri tradizzjonali fil-parati mifruxa fuq diversi ġranet. 


Il-karnival innifsu huwa attività antika tas-seklu sittax li għadu jiġi ċċelebrat sal-ġurnata tal-lum għalkemm kellu interruzzjoni twil, teknikament imsejjaħ interregnu, fis-seklu għoxrin ta’ madwar ħamsin sena. Il-verżjoni moderna tal-Karnival ta’ Pariġi tkompliet fl-1997 u għadha tattira follol kbar daqskemm kienu jippartċipaw fil-qedem.

Innu tal-Banda

Innu tant għall-qalb il-membri tal-Għaqda tagħna u persważ li ukoll ta’ ħafna Fgurin midħla tas-Soċjetà. L-Innu tal-Banda huwa xogħol il-mibki iżda qatt minsi Maestro Saviour Portelli li serva bħala Surmast Direttur bejn l-1986 u l-1992 fl-istess żmien meta kiteb l-Innu tal-Banda, preċiżament fl-1988.