Il-Ħalfa tad-Destin – Michael Cini
Qed nara dan is-sit tiegħi li qiegħed hemm biex nerfa’ l-kitbiet li kultant tispirani l-muża u ndunajt li kont ili aktar minn sena ma nippubblika xi ħaġa. Lanqas kelli bżonn minuti twal ta’ riflessjoni, kont naf ir-raġuni x’inhi. Il-konċentrazzjoni u s-saħħa mentali kienu mitfugħin fuq ħwejjeġ ferm aktar importanti mill-kitba li tant inħobb.
Illum moħħi aktar mistrieħ, erħila li l-mewġ tal-problemi
dejjem iħabbat mas-swar ta’ ħsibijieti iżda llum għandi aptit nikteb u qed
nirrikorri għal metodu li kienu għallmuni meta kont ċkejken.
Dari, kont immur il-privat tal-Ingliż fir-raħal stess.
Tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod u mnalla għax jien kont nieħu pjaċir inġorr kull
folja, ktieb, lapes u kull ma kellu x’jaqsam mas-suġġett. Dan biex ma nsemmux
iċ-ċanfir ta’ ommi u tas-surmast li kont nitgħabba biżżejjed; bħalliqallu mhux
persunaġġi bħalu li derrewna nitgħabbew b’ħafna kotba biex umbagħad flok
niftħuhom nużaw xi handout!
Insomma, żvijajt. Mela, din tal-privat, u minn hawnhekk
niżżiha ħajr kbir li għallmitni kif għandi nistudja l-lingwi sew, kull ġimgħa
kienet tagħtini ktieb x’naqra u nikteb dwaru. Ta’ tfajjel li kont niftakarni
nkun mistagħġeb kif din taf il-kontenut ta’ kull ktieb li qatt tagħtni x’naqra.
Illum naf li kulma hi kienet tagħmel kien li tikkoerġi l-komponiment li jien
inkun sfurnajt wara l-qari ta’ dak il-ktieb. B’hekk kienet tolqot mhux tnejn
imma mill-inqas tliet għasafar b’dak il-ktieb, għallinqas mhux rasi!
Grazzi għal dal-metodu jiena kont qed nitħarreġ
fil-lingwa billi naqra proża miktuba sew, naħseb u finalment nikteb komponiment
u nżomm lili nnifsi dejjem attiv fil-lingwa minħabba li kont qiegħed inkun
espost għaliha kważi kuljum minħabba l-qari. Jien għadni nagħmel nħaddan
dal-metodu sal-lum għal kwalunkwe suġġett li jfettili nistudja. Grazzi, Miss!
U nistħajjilkom tgħiduli, “eżattament meta se jibda
diskorsok dwar Il-Ħalfa tad-Destin?” Għandkom raġun, sejħulu lapsus.
Għamilt xhur sħaħ naqra artikli bl-Ingliż u bil-Malti
mingħajr ma naqra rumanzi. U minn dawn tal-aħħar sirt inħobb naqra biss
bil-Malti sakemm ma jkunx xi volum interessanti bħal House of Leaves li
nissuġġerih lin-nies mingħajr ma jien stess għaddejtu minn taħt l-iskrutinju
tiegħi. Dak għax infurmat biżżejjed dwaru.
Allura saqsejt lil xi qraba għal kotba bil-Malti li qraw
u li setgħu jsellfuni qabel ngħaddi sal-librerija u ngħatali dal-ktieb. Bdejtu
u fi ftit ġimgħat ħrattu. Mhux volum kbir iżda mhux dejjem kelli moħħi hemm
biex nintefa’ kwiet naqra.
Li saħħarni kien il-kliem maestuż li l-awtur żewwaq il-proża
tiegħu. Ara jien fejn qatt rajt il-kelma ħâra li
kelli naqra darbtejn tlieta s-silta minħabba li kont għoddni kkonfondejt dwar x’għandu
x’jaqsam il-prodott tal-għemil fil-kamra l-baxxa mal-mawra sigrieta li xi
suldati kienu qed isegwu fis-satra tal-lejl! U bħala, anke jekk mingħajr dik
il-â, hemm biżibilju ta’ kliem mhux daqstant
modern. Li naf fiċ-ċert huwa li jaf influwenza l-istil prożajk tiegħu minn
awturi Maltin antiki, bħal Emilio Lombardi li dan tal-aħħar u
l-ġenerazzjonijiet ta’ warajh iħobbu jużaw il-kelma infami. Din hija konġettura
sa ma nisma’ lill-awtur ilissinha hu stess.
Hekk li
ddiskutejna l-kliem rikk li juża, issa ngħaddi għad-deskrizzjonijiet ħajjin
tal-battalji tal-Assedju l-Kbir u t-tbiċċir diżuman li t-Torok kienu jwettqu b’tant
ħdura u pjaċir u għall-iljieli sħan sforz il-fjur tan-namur taż-żgħożija.
Jien u
nirrevedi xi ktibt sa issa nirrealiżża li iktar ktibt dwar ir-raġuni li kont
ili ma nippubblika artiklu milli dwar il-ktieb innifsu. Iżda minix daqstant
imdejjaq għax dan l-eżerċizzju huwa manifest tax-xewqa li nikteb xi ħaġa wara
tant xhur.
Tal-aħħar! Rumanz rakkomandat u ktieb li għad nerġa’ naqrah biex nieħu noti dettaljati tal-kliem li qatt ma smajt qabel u li kelli nagħsar it-tifsira tagħhom mill-kuntest tal-paragrafu (jew mid-dizzjunarju!).