Flus, flus, flus!
Dan huwa rakkont li jfisser l-orrur ta' meta d-dnub ma jorqodx. Mosè kellu ħafna għalxiex jitwerwer għax il-kastell ta' ġid li bena seta' jiġġarraf b'iktar ħeffa minn dak tal-karti.
Tradiment, pwieni ta' mħabba u ta' qerq, demm u gwerra dinjija kienu qed iħarbtu l-għajxien, l-hena u l-ħajja ta' mijiet ta' familji fosthom dawk tal-persunaġġ li semmejna u bosta oħrajn. Wara kollox id-destin ma tixtrihx b'karlin.
George Zammit kiteb rumanz qasir li jirrifletti l-ħajja fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Hu jdaħħalna 'għarbil il-moħħ ta' kap ta' familja meta jagħti direzzjoni lil uliedu u 'l martu bid-deċiżjonijiet li jieħu anki jekk dawn ikunu mkeffnin fis-sigrieti. Naraw ukoll l-imrar tal-innoċenti kkundannat u t-tiġrib tal-familja u n-niket meta l-ġustizzja tkun aljenata mill-verità minħabba provi miblula.
Naħseb huwa ċar li ħadt pjaċir naqra "Ix-Xhud li Ma Deherx". Kont ili ma naqra rumanz qasir u dan, fiċ-ċokon tiegħu, xorta wassalli storja li mhux se ninsa' faċilment. Rakkomandat.