Niltaqgħu ma'... Brandon Lee Camilleri - Membru Ġdid u Arkivist
Arkivist tal-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Fgura
Għalkemm minn dejjem kelli l-mużika f'qalbi, kont aktar insegwiha milli nipprattikaħħa. Ta' ċkejken li kont, kienu bagħtuni nistudja l-istrument klassiku li hu l-pjanu. Ftit snin wara abbandunajtu. Anzi, tħajjart għall-flawt. Biex ma jirripetux l-istess żball, xrawli l-irħas strument possibbli mill-familja strumentali tar-riħ: ir-recorder. Dak iż-żmien naħseb lanqas żewġ liri ma nefqu!
Inħoss li ommi u missieri għamlu sew li ma rripetewx dak l-ewwel żball tal-pjanu għax ftit ġranet wara iddejjaqt minnu wkoll u dan l-imbierek recorder kont issibu midfun ġo xi kexxun. Għadni sal-lum kultant nintefa fuq il-pjanu u nagħfas erba' noti 'l hawn u 'l hemm b'melodiji sempliċi li bqajt niftakar. Ir-recorder l-istess. Nonfoħ ftit fiħ u kwarta wara nerġa' nitfgħu f'postu (wara li nipprova innixxiflu l-bżieq!).
Ara umbagħad, fejn tidħol it-teorija l-istorja differenti. Bqajt insegwiha minn tfuliti iżda mingħajr ma nagħmel eżamijiet, fil-fatt kont wasalt sat-tieni grad. Meta fl-aħħar bdejt naqla sold għolija, flok mogħti mingħand missieri, bdejt nixtri kotba li jiddiskutu t-teorija b'mod ħolistiku u mhux kif mgħallem fil-kulleġġi klassiċi. Illum qed nistudja f'iktar reqqa sabiex nitla l-iskaluni tal-gradi tat-teorija mużikali. U dan qed nagħmlu bil-għajnuna tal-banda tal-Fgura kif qed nitmexxa mis-Surmast Johan Debattista.
Fi ftit kliem jien bdejt fil-banda tard. Qisu ftit xhur qabel il-firxa tal-pandemija, jien u marti - li minn dejjem kellna x-xewqa li nistudjaw suġġett flimkien minkejja li t-tnejn ġejjin minn oqsma differenti ta' xogħol - żewwiġġna wkoll in-namra li t-tnejn għandna lejn il-mużika iżda l-lenti tagħha tkun deskritta minnha stess meta tikteb l-esperjenza tagħha. Ngħid biss li l-vuċi tagħha ssaħħarni.
U bdejna mmorru ta' kull nhar t'Erbgħa filgħaxija fost studenti tfal, adoloxxenti u adulti oħra biex aħna nitgħallmu t-teorija magħhom u uħud ikomplu s-sessjoni qasira b'xi strument fosthom it-trumbetta u t-tambur. Klassi ċkejkna li nixtieqa tikber b'iktar membri ta' kull eta'.
Biss ma xtaqtx li s-sehem tiegħi ikun biss bħala aljiev. Xtaqt ninvolvi aktar ruħi. Flimkien mal-President tal-Għaqda u mas-Surmas iddiskutejna jekk kienx hemm rwol li jaf stajt inkun kapaċi nwettaq. Dan kien tal-arkivist, jiġifieri li nieħu ħsieb il-libreria mużikali tal-banda. L-iskop huwa li l-għaqda jkolla databażi elettronika b'informazzjoni dettaljata dwar il-biċċiet kollha tal-mużika li l-banda tal-Fgura tiddisponi u magħhom inżidu dawk ġodda li l-eżekuttiv ikun jidhirlu li għandu jipprattika biex finalment jeżebixxi waqt il-festi, kunċerti u attivitajiet oħra organiżżati matul is-sena. Din qed tinħadem bil-mod il-mod.
Milnix wisq li bdejt nażdem fuq l-arkivju. Dan minħabba li fiż-żmien tal-COVID19 kważi ħadd ma beda jersaq lejn il-bini tant li l-lezzjonijiet konna qed nagħmluhom online. Iżda issa nipprova li meta ma jkollix qagħdi u obbligi oħra naqbad faxxikli ħoxnin mimlija manuskritti mużikali u niflihom bir-reqqa u ndaħħal id-dettalji tagħhom fid-databażi. Infurmat li apparagun ma' għaqdiet bandistiċi oħra għad għandna arkivju ċkejken iżda maż-żmien ċert li din il-librerija mużikali ser tespandi ferm u biha jissaħħaħ ir-repertorju li l-bravi aljievi u mużiċisti Fgurin diġa għandhom.
B'hekk intemm din il-kitba billi nappella sabiex tersqu lejn il-banda intom tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u adulti li għandkom għal qalbkom il-mużika u tiddevertu magħna waqt li nitgħallmu u nikbru flimkien.
Dan l-artiklu deher fir-rivista tal-festa tal-2023 Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu