Konferenza Nazzjonali dwar Il-Każini tal-Banda …minn lenti żagħżugħa
Organiżżata minn Aġenzija Żgħażagħ, nhar is-Sibt 6 ta' Mejju 2023, ittellgħet konferenza ferm interessanti dwar il-ħsibijiet, l-aspettativi u s-sehem tat-tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u anke adulti tal-għaqdiet bandistiċi f’pajjiżna dejjem mill-perspettiva tal-faxx żagħżugħ tas-soċjeta’ Maltija.
Fil-konferenza kien hemm il-preżenza u s-sehem tal-Onorevoli Keith Azzopardi Tanti fl-irwol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u s-Sur Duncan Brincat mill-Għaqda Każini tal-Banda. F'isem l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu Fgura attendew u pparteċipaw id-Direttur tal-Każin Tyrone Polidano u l-Arkivista Brandon Lee Camilleri.
Fost il-ħafna punti validi li tqajjmu ġew diskussi n-nuqqas tal-involviment tat-tfal u anke tan-nisa minħabba stigma li għadha tippersisti fis-subkonxju Malti fir-rigward tal-għaqdiet tal-baned. Għalkemm bil-mod il-mod jidher li din il-perspettiva negattiva qed tinħall, huwa fatt magħruf li ħafna ġenituri ma jibagħtux lil uliedhom għat-tagħlim tal-mużika u ħafna nisa ma jissiħbux fil-kumitati u l-kummissjonijiet minħabba suppożizzjonijiet infondati li nżergħu mal-milja taż-żmien.
Dan in-nuqqas ta’ membri jaffettwa kemm fit-taħriġ ta’ bandisti ġodda kif ukoll l-armar ta’ palkijiet, settijiet bħal tal-Ġimgħa l-Kbira, tiżjin tal-festi u attivitajiet oħra organiżżati matul is-sena. Attwalment, ix-xogħol tal-armar jaqa’ fuq il-membri veterani u adulti tal-għaqdiet. Inħass li jkun opportun li ż-żgħażagħ jaħtfu l-opportunità li l-baned jipprovdu sabiex jitgħallmu ħiliet ġodda li mhux neċessarjament ikun fil-qasam mużikali.
Ġiet senjalata l-importanza ta' kollaborazzjonijiet ma' skejjel u għaqdiet oħra soċjali li l-mira tkun li jitkattru l-ħiliet tat-tfal (eż. l-iscouts) sabiex jiġu organiżżati attivitajiet li jqarrbu lit-tfal u lill-adoloxxenti jissieħbu fil-baned. Inkluż magħhom kienu emfasiżżati kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u għaqdiet soċjali lokali oħra fosthom dawk tal-Armar.
Issemma wkoll il-ħajr għall-festival bandistiku li jesponi talenti żagħżugħa b'kompożizzjonijiet klassiċi, famużi u kontemporanji li juru l-versatilità ta’ mużika bandistika tradizzjonali li kapaċi toħloq espressjoni mużikali moderna u attraenti għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum.
Spazju Kreattiv u Interessanti
Fir-rigward ta’ tfal ċkejknin li jieħdu t-tagħlim mużikali tagħhom mill-baned kien hemm l-idea ta’ Kids Club li apparti l-mużika torganiżża attivitajiet divertenti biex f’moħħ it-tfal il-banda ma tkunx biss assoċċjata mal-marċi u d-daqq tal-mużika iżda bħala spazju kreattiv u interessanti li jfittxu anke meta jitfarfru.
Fejn jidħol il-Gvern issemmew in-nuqqas ta' loġistika u sponsorships lejn għaqdiet bandistiċi u d-diffikulta fl-applikar għall-fondi u l-burokrazija żejda attribwita ma' għajnuna mill-gvern. Ta’ min jgħid li l-fondi li l-Gvern jipprovdi huma mutur importanti sabiex jittellgħu attivitajiet u anke jinxtraw makkinarju, tagħmir u strumenti. Id-djufija fl-għajnuna tinħass fil-mument tal-applikar u biex jitħejjew id-dokumenti neċessarji għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. Fil-konferenza deher li dan joħloq ċerta’ xkiel lill-membri tal-baned li wara kollox huma voluntiera. Dawn il-punti tqajjmu mill-faxx taż-żgħażagħ l-aktar maturi preżenti.
Ġiet allura proposta li l-Gvern iwaqqaf One-Stop Shop fejn persuni mħarrġa jkopru kull bżonn tal-baned inkluż applikar għall-fondi, għajnuna lokali fi żmien il-festi u fl-organiżżazzjoni ta' attivitajiet oħra bil-għan li l-kaxxiera u membri oħrajn inkarigati li jużufruwixxu mill-fondi tal-gvern isibu persuna kompetenti li tassistihom fl-applikazzjonijiet.
Hekk semmejt il-punti l-aktar saljenti li tqajjmu waqt il-konferenza. Il-kollega veteran, membru tal-kumitat u Direttur tal-Banda Tyrone Polidano għamel diversi interventi sabiex iwassal il-bżonnijiet tal-banda tagħna fosthom fejn jidħlu nuqqas ta’ parteċipazzjoni waqt l-organiżżar tal-attivitajiet bħall-armar u anke dwar l-importanza ta’ assistenza waqt il-kumpilazzjoni tad-dokumenti għall-applikar tal-fondi. Jiena, Brandon Lee, kont fil-panel fejn iddiskutejt il-punti li ntqalu waqt workshop li kelli sehem attiv fih. Dan kien dwar it-tiftix ta’ modi kif tfal, adoloxxenti u żgħażagħ ta’ kull ġeneru jitqarrbu lejn id-diversi soċjetajiet bandistiċi Maltin u Għawdxin.
Sadanittant, intemm dan l-artiklu billi nfakkar li l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu Fgura tinsab impenjata sabiex ittella aktar attivitajiet bis-sehem ta’ entitajiet lokali u organiżżazzjonijiet interessati għat-tfal kif ukoll għall-ġuvintur u tfajliet bit-tir li nattiraw l-entużjażżmu tagħhom u ngħallmuhom strumenti mużikali u snajja oħra li l-membri veterani tagħna kapaċi jxerrdu. Dawn jiġu kkomunikati fil-midja soċjali tagħna aktar ‘l quddiem.
Tislijiet,
Arkivista
Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu