L-Olimpjadi Tad-Dagħa
Jekk ma tkunx kapaċi tidħak bik innifsek insa li dan il-ktieb ser jgħodd għalik. Dan, propjament, mhux kliemi iżda ta’ persuna qribi mgħoddija lilha minn fomm l-awtur stess... u anke għax miktuba fl-ewwel ftit paġni tal-ktieb!
Għall-bidu ma stajtx inniżżel l-istil użat. Qrajt kotba oħra ta’ Charles Micallef St John u kont ferm sorpriż għax hemm baħar jaqsam appargun mal-passjoni letterarja ta’ sensiliet oħra tiegħu.
Inħoss li għal dan ix-xogħol ħaddan ton nejjie-, ridt ngħid ċajtier iżżejjed u issa naħseb li l-istil żuffjettuż tiegħu qed jinfluwenza lili wkoll!
Minkejja dan, il-ktieb huwa maħsub għal udjenzi maturi, l-aktar dawk tas-snin elfejn u mija. Mhux qed niċċajta!
Hu jirrakkonta l-istorja li n-nazzjon tagħna daqt ser jesperjenza fejn insiru superpotenza dinjija; mhux militari imma reliġjuża. Dan niksbuh permezz tat-tiżwieq ikkulurit tad-dagħa li aħna l-Maltin magħrufin għalih.
Għal min qed jaqra dan is-sommarju u ġa qatagħha li jwarrabu minn quddiemu nassiguraħ li lanqas waħda li hi waħda ma hemm miktuba fih!
Iżda jinkludi intriċċi politiċi, bsaten reliġjużi fir-roti tal-poplu, taqlib u sitwazzjonijiet skomdi imma umoristiċi oħra.
Nasal ngħid li għalkemm dan mhux stil ta’ kitba li normalment nitgħaxxaq naqra, din il-pubblikazzjoni hija rakkomandata għall-botti mistħoqqa lilna l-Maltin minħabba l-fissazzjoni li għandna dwar ir-reliġjon u l-politika. U anke għax mill-pinna ta’ dan l-awtur ħarġu l-erba’ volumi ta’ Suwed Ulied il-Lejl li min qrahom jaf xi jfissru!