Flok Warda

Alexia kellha x-xewqa li ssib ġuvnott biex fil-festa ta' San Valentinu jkollha ma' min tgħaddi l-ħin. Għaliha ma kinitx ħaġa faċli għax meta kienet tħares fil-mera kienet tara tifla mibruma li għalkemm kellha tnax-il sena kienet qsajra u mhux l-ewwel darba li sħabha tefgħulha botta għad-dehra tagħha.

Ġara li Alexia bdiet tħoss skumdita' f'żaqqha. Meta fetħet qalbha ma' ommha waslu għall-konklużżjoni li dan kien biss ftit gass żejjed. Mal-jiem inbidlet f'uġigħ fin u kostanti. Il-ġenituri tagħha bagħtu għat-tabib li ma damx wisq biex invistaħħha. Hu żamm ċerta' diskors il-bogħod minn widnejha iżda lilhom kien għarrafhom bid-dijanjosi tiegħu.

Darba fost l-oħrajn niżlet ma sħabha mill-vann tal-iskola u bdiet miexja magħhom. Fi triqithom lejn darhom, Alexia tgħawwġet u nstabtet fuq irkopptejha fl-art twaħwaħ u tibki waqt li tagħfas żaqqha. Sħabha minnufih ħadulha l-mobile u ċemplu lil ommha biex toħroġ tiġborha filwaqt li oħrajn ġabrulha l-basket. Huma sabu diffikulta biex iqandluha. Fil-pront wasal il-vann ta' studenti subien tas-sekondarja. Kif ħarġu minnu u sabu dik il-kommosjoni kollha middu jdejhom kif setgħu. Wieħed minnhom qabad lil Alexia minn taħt għabtha u refaħħha bil-ġentilezza kollha li kien kapaċi jħaddan. Student ieħor żammha minn qaddha u flimkien, il-grupp kollu bdew mixjin lejn darha wara li ommha wasslet imbikkma ħdejhom.

Hi irringrazzjathom hekk kif qegħdulha lil bintha fuq is-sufan u telqu 'l barra lejn darhom. It-tabib ma damx ma wasal u beda bil-vista' tiegħu billi b'id għafas fuq l-irkejjen ta' żaqqha u bis-swaba' tal-oħra tambar fuq idu imserrħa fuq żaqqha biex jara fejn tirrispondi bl-uġigħ. Wara dan kollu, li għal Alexia kien sors kbir ta' tbagħtijja u niket, dawwar ħarstu lejn il-ġenituri tagħha u qalilhom li m'għadiex aktar ta' idejh u ftehmu dwar l-arranġamenti biex hi tittieħed l-isptar.

Wara ħafna testijiet irriżulta li dan kollu kien minħabba allerġijja. Skantaw ferm meta sabu li hi kienet allerġika għall-fjuri għax dan inzerta d-delizzju tagħha u kienet ilha tipprattikaħ. Kienet titgħaxxaq bil-kuluri vibranti tal-fjuri speċjalment tal-ward u issa l-ħolma li xi darba tiftaħ ħanut tal-fjuri bdiet tisfuma fix-xejn.

Dan wasal għal widnejn Lee li kien l-istess żagħżugħ li kien refaħħha minn taħt dirgħajha dakinhar. Kien sar jaf għax missirijiethom kienu kollegi. Beda jaħseb kif ser iferraħa u għamel riċerka dwar ħolqien simili għall-fjuri kollu kuluri. Ir-risposta kienet fil-frott. Kien jaf li hi tħobb il-ward, speċjalment il-ward aħmar u aħmar daqs il-frawli mhemmx. B'hekk wara l-iskola għadda s'għand tal-ħaxix u mela qoffina bil-frawli. Filgħaxija talab lil missieru biex jieħdu l-isptar iżur lil Alexia. 

Dakinhar inzerta Jum San Valentinu u persważ li tistgħu timmaġinaw il-ferħ f'qalbha meta Lee ippreżentalha dik il-qoffina mimlija frawli aħmar jgħajjat u qalilha, "Jum San Valentinu it-tajjeb!"

Din il-kitba ipparteċipat fil-kompetizzjoni letterarja Festa Frawli, 2022.