Il-Barbazzal
Il-barbazzal huwa ukoll dak l-oġġett li madwaru ddur storja li tinvolvi delitt, serq, affarijiet ta' filgħaxija u delitt ieħor. Kollha spjegati minn għajnejn tfajjel ta' madwar għaxar snin.
Hawnhekk nixtieq infaħħar il-mod kif l-awtur ħaddem il-lingwa Maltija biex addotta stil ta' innoċenza li biha jispjega dak li jkun qed jara it-tfajjel anke jekk moħħu ma jkunx kapaċi jirreġistra x-xena li tkun qed tisvolġi quddiemu. Bil-mod il-mod it-tifel jibda jifhem ukoll lil ġismu u tul ir-rumanz jagħtina x’nifhmu li dak li jkun qed jixhed ikun qed jogħġbu. Għalija din hi kapaċità kbira!
Jekk neżamina r-rakkont inniffsu inħoss li dan hu tipiku tal-irħula Maltin fi żmien iktar sempliċi u antik. Il-karattri huma varji. Bla dubju li f'kull raħal hemm is-sindikajra, il-peċluqha, is-sakranazz, is-sinjura, ir-raġel tal-familja, it-tfal li jinġemgħu fil-bandli u dawk ikbar li jippreferu toroq inqas attivi u l-ħmar il-magħkus.
Kollha kemm huma jagħtu sehem biex, min b’daħka u min b’newħa, ipinġu stampa ta' kif tiżvolġi ġurnata tipika sajfija qabel terġa tibda ir-rutina tal-iskola. Imma dak l-imbierak barbazzal jibqa’ fuq fomm kulħadd sal-aħħar. L-awtur iħallina nittamaw jekk il-protagonist ċkejken ilissinx il-verità dwaru.
Insellem lill-awtur talli jien u naqra fakkarni fis-sajf ta’ żmien tfuliti u fil-mixjiet ta’ kuljum mid-dar sal-pjazza tar-raħal meta tfarfart ftit ieħor.
Titilfuhx jekk tridu tesperjenzaw l-istess!