L-Itwal Għeluq tal-Kanal ta' Suez
Iżda sitt ijiem ma huma xejn apparagun ma’ tmien snin. Dan seħħ bejn l-1967 u l-1975. Dak iż-żmien l-Eġittu ma kellux il-kontrol totali tal-kanal għax in-naħa tal-lvant kienet ikkontrollata mill-Iżrael. Ġara li l-Eġizzjani irritaljaw billi kissru pontijiet bejn iż-żewġ naħat tal-kanal u għerrqu bastimenti sabiex jimblukkaw iż-żewġ entrati tiegħu wara attakk għall-għarrieda mill-Iżraeliti. Xeħtu, anke, mijjiet ta’ mini biex hekk żgur ħadd ma jażarda jbaħħar din ir-rotta tant konvenjenti.
Il-gwerra damet biss sitt ijiem iżda l-effetti nħassu għal snin sħaħ. Id-dewmien kien kaġun tal-progress kajman biex jitnaddaf il-kanal mill-mini u l-imbarazz kollu li ntefa. Erbatax-il vapur tal-merkanzija spiċċaw vittmi ta’ din il-gwerra tant qasira. Kwalunkwe bastiment li kien qed iġorr il-passiġġieri tħalla jgħaddi iżda lil dawk mgħobbijin biss bil-merkanzija ordnawlhom jitfgħu l-ankra f‘baħar intern fil-kanal stess, imsejjaħ “Great Bitter Lake”.
Matul dawn is-snin nibtet ħbiberija bejn l-ekwipaġġi ta’ dawn il-vapuri ikkalzrati innoċentament ġejjin minn diversi nazzjonijiet. Kull bastiment kellu funzjoni differenti, min għall-futboll, ieħor għall-quddies u fuq l-iktar wieħed li kellu gverta spazzjuża saħansitra organiżżaw Olimpjadi biex jikkumplimentaw dawk tal-1968.
Għalkemm uħud mill-vapuri ma salpawx għax kienu vittmi tal-gwerra u għerqu, fl-1975 il-Kanal ta’ Suez kien iddikjarat sigur biex il-bastimeni jbaħħru fih u dawk li kien għad fadal minnhom, fl-aħħar, reħewla lejn id-destinazzjoni tagħhom.