L-Għira fiż-Żgħożija
In-narrattiva tibda b'pass kajman fejn niltaqgħu mal-protagonisti żgħażagħ universitarji u nieħdu xegħjra ċara tal-antagonist u r-raġuni għaliex imġiebtu u għemilu kienu tant kiefra. Bla dubju li bsartu l-mottiv wara azzjonijietu
Magħġun fil-kitba hemm esperjenzi tal-ewwel imħabba u l-keded u l-qtugħ ta' qalb li tali namur iġib miegħu. Iżda dan ir-rumanz jeċċella wara l-introduzzjoni ta’ marda serja u serje ta' avvenimenti li jġagħluk taħseb li fuq uħud mill-karattri ankrat sħaba sewda faħma fuqhom.
Biss isseħħ grazzja, jekk tista tissejjaħ hekk, fejn il-maturita' tal-kattiv fl-aħħar tifjorixxi u l-paġna mħażża bil-mibegħda tinbidel għal waħda safja ta' impenn u rġulija.
L-ikbar daqqa ta’ ħarta, iżda, għadha ġejja. M’għandiex il-ħsieb inħassrielkom. Anzi, inħalli ‘l pinna kapaċi tal-awtur Bertram Portelli biex jaqtalkom il-kurżità. Naħseb minn kliemi l-opinjoni tiegħi tinftiehem dwar jekk wieħed għandux jaqra dan il-ktieb.
Intemm billi nawguralu iktar publikazzjonijiet ta' dan il-kalibru u nikkwota lill-mibki Professur Oliver Friġġieri mid-daħla kritika tiegħu għal dan ix-xogħol.
"Dan ir-rumanz huwa awgurju tajjeb għal dan l-awtur ġdid, u huwa s-sies letterarju daqskemm etiku li huwa jista' jtella' fuqu l-kitba ġejjiena tiegħu."