Il-Mawra tal-Frawla

Din kienet frawla ħelwa iċken minn sħabha fid-daqs u l-eta' iżda ikbar fil-qalb. Isimha kien ħelu ukoll. Frawlin kienu jsibuha.

Il-Klima kienet għoddha tilfet ir-raġuni. Daqqa sħana taqli l-ankri, drabi oħra kesħa xxoqq l-għadam. Qisu anke t-Temp xaba’ mill-istaġuni. Kien qed jiġi jaqa’ u jqum!

Ħafna beżgħu. Oħrajn ħaduha kontrihom. Frawlin ma ħadet xejn pjaċir. Hi fehmet li t-Temp u l-Klima kienu qed jagħmlu hekk għax kien hemm xi ħaġa li qed iddejjaqhom.

“Tibżgħux! U tirrabjawx magħhom. Lilna iħobbuna imma bħalissa irrabjati imma ma nafx għalfejn…” Qalbhom imtliet bil-kuraġġ għax l-innoċenza tagħha kienet wisq safja. Ma kinitx taf li żmienhom fid-dinja kien qasir.

Minnufih il-kbarat tal-frawli laqqgħu lill-mexxejja tal-frott kollu biex jiddiskutu kif l-aħjar jikkonvinċu lill-Klima u t-Temp iġibu lura l-istaġuni. Dehrilhom li r-rabja tagħhom kienet minħabba l-imġieba tal-bnedmin lejn il-ħolqien. Flimkien fasslu pjan kif jedukawhom igawdu u jgħożżu l-ambjent u r-riżorsi tad-dinja.

Il-problema kienet kif ser ifiehmu żewġ ġganti bħat-Temp u l-Klima. B'hekk sejjħu lill-aqwa dipplomatiku fosthom, Fawstu l-Bananu, biex jitla' fuq l-għola muntanja mkebbeb fl-eħxen ħwejjeġ u jfehmhom il-pjan.

Ma kienx kuntent imma hekk għamel. Ma' ġemgħa frott, tela' fuq il-muntanja u b'leħen beżagħan iżda sod sejjħilhom. "Għeżież kbarat ta’ din id-dinja. Nixtieq nitkellem magħkom f’isem il-frott kollu.”

Sajjetta’ kbira sikktet 'il maltemp. “Tkellem!” ordna leħen qawwi.

“Nixtiequ li ġġibu lura l-istaġuni għax mhux qed inlaħħqu nimmaturaw. Uliedna qed jitmermru ftit wara li jitwieldu. Nitolbukom tisimgħu l-karba tagħna, O Venerabbli.”

“Le. Jeħtieġ li l-umani jitgħallmu li d-dinja ma ddurx magħhom.”

Wara pawsa qasira, "aħna l-frott fhimna għaliex eliminajtu l-istaġuni imma ħloqna pjan kif nuru lill-bnedmin li l-imġieba tagħhom hija ħażina u qed tkisser il-ġid kollu li intom tagħmlu, O Kbarat tagħ-”

“Aħna se nagħmlu l-aħjar li nistgħu. Aħna inħobbu lilkom u lill-bnedmin, ħafna ħafna.” Bla dubju li rrejaliżżajtu min ażżarda jinterrompi l-konverżazzjoni. Frawlin kienet inħbiet bejn il-ħafna ġgieget li tlibbes Fawstu. Qalbha kienet mimlija tama' u ma kelliex aktar sabar tistenna, riedet tgħid dak li kellha f’moħħha. Ħadd ma waqqafha anzi kulħadd stagħġeb bil-kuraġġ tagħha.

“Żgħira. Inti min inti? Din il-banana mhijiex biżżejjed biex tikkonvinċina?”

“Jien jisimni Frawlin u naħseb li intom tafu x’inhu l-aħjar imma issa naħseb li qed tweġġgħuna ħafna. Aħna rridu ngħixu imma nafu li l-bnedmin mhux bravi imma rridu ngħinuhom jaraw li mhux qed jagħmlu tajjeb. Jien irrid immur f’dar minnhom u nurihom li jekk jieħdu ħsiebi jkunu qed jgħinu lid-dinja. Irrid immur u ngħidilhom li jekk jieħdu ħsiebi u jieħdu ħsieb il-frott, il-ħaxix, l-annimali kollha aħna u intom u huma inkunu qed ngħixu f’post ħafna aħjar. Imma qabel irrid li intom tieqfu tweġġgħuna għax ħafna minn sħabi qed imorru taħt l-art qabel inkun għedtilhom hello.”

U fejn is-soltu tisraq biss qlub sħabha l-frott illum rebħet ukoll dawk ibsin tal-Klima u t-Temp. “Ħa nieħu l-parir tiegħek u nerġa nġib lura r-Rebbiegħa, is-Sajf, il-Ħarifa u x-Xitwa. Int ser tkun l-ewwel frotta li tibda dan il-pjan u għax inti tant qalbiena ser nibagħtek fid-dar tal-aktar persuna li tista’ tagħmel ix-xewqa tiegħek realta’. Tajjeb hekk?”

“Iva u grazzi. Issa nistgħu mmorru għax erġajt qed inħoss il-bard.”

Din il-kitba ipparteċipat fil-kompetizzjoni letterarja Festa Frawli, 2021.