Uħud mill-Akbar Popolazzjonijiet

Bħala pajjiż ċkejken nimmeraviljaw ruħna meta nisimgħu li fiċ-Ċina, fl-Indja, fl-Istati Uniti, fil-Brażil u f’pajjiżi enormi oħra jgħixu daqstant nies. Għal min hu kurjuż il-volum ta’ nies huwa ta’ 1.44 u 1.39 biljuni u 332 u 213-il miljun rispettivament. Numri ġganteski meta pparagunati ma’ Malta fejn lanqas ixxellef nofs miljun.

Biss sa issa semmejna pajjiżi li tarhom b’għajnejk u tmisshom b’idejk jiġifieri tista’ ssiefer fihom. Iżda hawn żewġ popli oħra li huma ferm akbar. Ill-poplu taċ-Ċina huwa ċkejken apparagun ma dawn it-tnejn. U terġa’ bejn dawn it-tnejn li ser insemmi ukoll hemm differenza sostanzjali.

Dawn il-popli jeżistu biss virtwalment. Dan ifisser li aħna stess ningħaqdu magħhom meta nqattgħu l-ħin fuq l-Internet u fuq il-midja soċjali. B’mod kollettiv nistgħu ngħidu li fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata l-popli kollha jew kważi kollha jkunu konnessi f’din ix-xibka virtwali.

Siti li jispeċċjaliżżaw fl-istatistika jindikaw li jħufu fuq Facebook f’ġurnata waħda ikun hemm daqs 1.8 biljun persuna li huwa ferm akbar mill-popolazzjoni taċ-Ċina. Jekk naraw it-total tal-utenti kollha f’xahar wieħed insibu li dalwaqt jintlaħaq it-total tal-popli taċ-Ċina u l-Indja f’daqqa. Fejn f’xahar fuq Facebook ikun hemm madwar 2.7 biljuni f’dawn iż-żewġ pajjiżi jinsabu 2.8 biljuni ruħ.

Issa nistgħu nieħdu idea tal-kobor u l-meravilja tal-Internet fejn jgħaqqad popli sħaħ mingħajr il-problema tad-distanzi twal bejn pajjiż u ieħor. Jekk dik il-pjattaforma soċjali waħidha tgħaqqad 2.7 biljun persuna, kemm iktar jgħaqqad nies l-Internet kollettivament? It-total sal-2020 kien ta 4.66 biljun. Hawnhekk ta’ min jgħid li Facebook qiegħed bil-mod il-mod jirbaħ l-Internet. Minjaf forsi fil-ġejjieni l-istess valur statistiku ikun japplika għat-tnejn.

Nimmaġinakom tistaqsu x’paragun hemm bejn il-popolazzjoni globali u dik fuq l-Internet. Bħalissa l-istatistika turi li disgħa u ħamsin fil-mija tal-popolazzjoni mondjali f’xi ħin jew ieħor tkun maqgħuda max-xibka. Dan il-persentaġġ mistenni jiżdied.