Il-Film Li Mhux Ser Naraw
Kemm-il darba għedna li hemm dak il-film partikolari li llum jew għada rridu naraw. Jgħaddi ż-żmien u nispiċċaw ninsewh. Ftit iktar żmien u nintebħu li bqajna qatt ma rajnih. Din id-darba ser nitkellmu fuq film li la bis-sewwa u lanqas bid-dnewwa m’aħna qatt ħa narawh.
Dan jismu “100 Years” u biex jagħti sustanza lil ismu dan ser jintwera fl-2115. Inħadem fl-2015 iżda l-produtturi tiegħu iridu li dan jintwera fis-swali taċ-ċinema ta’ ġenerazzjonijiet futuri. L-idea nibtet minn ditta famuża tax-xorb li tpoġġi l-prodott tagħha għall-bejgħ mitt sena wara li jitlesta l-proċess ta’ kif tinħalaq din ix-xarba alkoħolika.
Il-ħsieb hu li l-film jawgura l-ftuħ tal-konsenja l-ġdida tal-prodott li ssawwar fl-2015. Il-film huwa maħsub biex iservi ta’ promozzjoni għal din ix-xarba tant renomata. L-isem tagħha huwa “Louis XIII cognac” maħdum fi Franza u msemmi għar-re Luiġi XIII tal-istess pajjiż li għex bejn l-1601 u l-1643.
M’għandniex xi ngħidu, dan il-kunċett ċinematografiku qajjem furur kbir meta ħarġet l-aħbar f’Cannes. Ħafna ħasbu li din xi ċajta iżda sena wara toħroġ aħbar oħra li d-ditta li tipproduċi dan il-cognac partikolari bagħtet lil ċerti mistiedna distinti invit tal-metall li jintiret fil-familja sal-2115. Saħansitra l-atturi stess, huwa rrapurtat, li għadhom ma rawx xogħlohom, kemm ħadmu x-xeni biss.
Ta’ min jgħid li kopja waħda biss teżisti ta’ din il-produzzjoni u tinsab f’kaxxaforti tal-ewwel xorta tagħha li lanqas biss għandha serratura minflok tinfetaħ biss wara li tasal is-sena li semmejna qabel. Il-vetrina tiflaħ anke għall-ballal.
Apparti l-misteru li jġib migħu proġett bħal dan, il-produtturi tal-film ħarġu tliet filmati li lanqas biss jagħmlu parti mill-film innisfu. Dawn jitrattaw tliet futuri differenti. Wieħed post-apokalittiku jiġifieri s-soċjeta u ċ-ċiviliżżazzjoni ma tkunx kif nafuha llum. Ieħor futuresk, allura qed ngħidu f’dinja fejn jeżistu karozzi li jtiru u l-ivvjaġġar fl-ispazju għaċ-ċittadin komuni u l-aħħar futur li huwa desktritt bħala wieħed sinonimu mal-films ta’ Star Wars. Din tkun dinja li hija pjuttost robotika. Dawn il-filmati komplew iħawdu l-imħuħ tad-dilettanti għax jekk l-ebda wieħed minnhom ma huwa inkorporat fil-film, allura għaliex ħarġuhom? Probabli biex iqajjmu iktar interess billi l-pubbliku jispekula l-kontenut tal-film.
Hekk hu li sabiex naqtgħu l-kurżita’ irridu nistennew sal-2115. B’garanzija li aħna ma nkunux hawn biex naraw jekk dan il-film jolqotx it-temi li nfittxu meta nagħżlu wieħed x’naraw. Nittamaw li l-istennija ma tkunx ta’ xejn!