Il-Ħames Konferenza Annwali Edukattiva għall-Investituri tal-MSEI
Nhar is-6 ta' Novembru, 2019, fil-bini tal-Borza ta' Malta, dak li forsi huwa iktar magħruf bħala l-Malta Stock Exchange tnediet il-ħames konferenza annwali edukattiva għall-investituri. Jidhirli li din kienet it-tieni zjara tiegħi. L-ewwel waħda kienet fis-sena 2005 bħala student għal karriera f'dan il-qasam.
Minn dak iż-żmien 'l hawn il-karriera ħadet xgħejra differenti tant li s-settur finanzjarju ma kienx l-għazla li għamilt u dan il-fatt huwa l-pedina li minnha jiena nista nikteb dan l-artiklu. Għadni nibda din id-dinja li għal bosta hija l-għajxien tagħhom. B'hekk dan l-artiklu qed jinkiteb minn perspettiva ta' wieħed li qed jara kollox ġdid u jipprova jifhem mis-sens tiegħu.
Hawnhekk ikolli nistqarr li biex investitur li attwalment għadu fl-għatba irid jarma b'ħafna qari, pariri professjonali u studju tal-ġrajjiet kurrenti sabiex dan is-settur iħallilu l-frott.
Dan l-artiklu ser ikun biss ħarsa ħafifa iżda nformattiva ta' x'għadda mill-konferenza. L-iskop mhux li nidħlu fid-dettal ta' kull tema' diskussa iżda li nieħdu idea ta' suġġetti li huma meqjusa bħala nteressanti u ta' importanza għal dawk li għadhom jibdew jinvestu. Allura, mingħajr aktar tidwir dwar l-iskopijiet ta' dil-kitba ngħaddu issa għat-temi varjati ta' dakinhar.
Il-konferenza nfetħet b'diskors taċ-Chairman tal-Borża ta' Malta, is-Sur Joseph Portelli, li aċċenna' għall-importanza li t-tagħlim jibqa' dejjem jinkiseb specjalment f'settur daqshekk vast u volatili. Wara din l-introduzzjoni kelliema għall-MFSA spjegat dwar passi u żviluppi li l-Awtorita' qegħda tinvesti fihom biex tkompli ssaħħaħ u tipproteġi l-interessi tal-investituri u anke elaborat fuq l-rwol bħala regolatur. L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, Dr Reno Borg, spjega fid-dettal filwaqt li serraħ moħħ l-udjenza li l-uffiċċju li huwa jmexxi qieghed hemm biex jara li t-tilwim li jgħaddu quddiemu jkunu risolti bl-aktar mod ġust u trasparenti. Ħafna drabi jara diskrepanza bejn l-illitterizmu finanzjarju ta' klijenti li jiftħu kawza kontra kumpaniji li joffru servizzi finanzjarji. Dawn jispiċċaw jingidmu għax ma jkunux fehmu sew jew il-prodott mixtieq ma jkunx ġie spjegat sew allura jieħdu mpressjoni għal kollox differenti tas-servizz. Jekk l-ilment ikun ġenwin l-arbitru jara kif isib bilanċ sabiex jasal għall-aħjar konklużjoni possibbli. Personalment, punt partikolari laqatni aktar mill-ispjegazzjoni tiegħu. Dan hu il-fatt li l-arbitru jidħol ukoll f'każijiet ta' pjattaformi online u mhux neċessarjament fejn is-servizz huwa offrut minn bini lokali.
Nifhem li il-kitba li għadna kif għaddejna kellha xeħta teknika żejda iżda dan iservi biex juri biċ-ċar kemm is-settur finanzjarju huwa vast u profond.
Id-diskussjonijiet li segwew kienu aktar tal-widna. Is-suġġetti trattati kienu aktar bażiċi u allura eħfef biex jinftehmu. Tant hu hekk li anke jien stess ħassejtni qed nifhem iktar id-diskorsi tal-mistiedna u stajt insegwi b’aktar reqqa. Nistqarr li fil-ftit żmien li ili ninvesti għamilt ħafna żbalji. Żbalji li ssemmew f’din il-kkonferenza, żbalji bħal liema strument jaqbillii ninvesti fih, liema sors ta’ nformazzjoni jidħaq l-inqas bijja u anke fuq liema pjattaforma l-aħjar li ninvesti fiha. Dnub li din is-sessjoni kienet twila nofs siegħa kollox. Min-naħa l-oħra naħseb li kieku kienet itwal kienet isservi biex taqta’ qalb l-udjenza aktar milli biex tiftaħ l-għajnejn.
Personalment, l-iktar ħaġa li sibt utli hi li jekk is-sors ta’ informazzjoni u tagħlim qed jipprommwovi strument partikolari ma jfissirx li se jmur - mijja fil-mijja - tajjeb għax jibqa l-fatt li tali sors minn xi mkien irid jikseb il-flus. Tali flus jiġu mir-riklami u jekk qed jirriklamaw strument, eżempju xi ishma, dan xorta waħda jbagħti mill-influssi tal-ġrajjiet kurrenti u l-andament tal-kumpanija li tipproduċih jiġifieri ma hemmx xi difiża partikulari sempliċiment għax huwa rakkomandat minn sors ta’ tagħlim tal-investimenti.
Wara dak it-tagħrif għaddejna għal kif strument li jissejjaħ REIT jaħdem. Qabel xejn, REIT hija t-taqsira ghal Real Estate Investment Trusts u dawn tniedu fl-Amerika. Fl-Ewropa dan huwa kunċett relattivament ġdid u Malta diġa qegħda fil-proċess li toħloq ir-regoli neċessarji għal meta dan l-istrument jitnieda mill-Borża. Essenzjalment dawn huma kollettiva ta’ bini li għandhom kemm fund manager li naturalment jieħu ħsieb it-teknikalitajiet finanzjarji u tekniċi tas-settur iżda anke property manager li jieħu ħsieb iżomm il-bini f’qagħda tajba u lesta għall-użu għax wara kollox l-investiment qed ikun imsawwar madwar propjeta’. Spjegata b’mod differenti, wieħed jista’ jifhem dan hekk: il-qafas b’saħħtu ta’ investiment fil-bini mibni qed jiġi wkoll miżgħud bħala nvestiment tekniku fih innifsu fil-boroż madwar id-dinja.
Il-preżentazzjoni li kien imiss trattat kif kumpanija għandha tiġi valutata. Biex dan ikun jista’ jseħħ trid qabel tinstab bażi li kull kumpanija tkun tista tiġi mkejla fuqha. Dan minħabba li kull kumpanija hija differenti. Għall-argument kif tista tipparaguna żewġ kumpaniji li joperaw f’setturi totalment differenti u li l-istrumenti tagħhom jużaw muniti differenti. Hekk ma jistax iseħħ paragun allura hemm bżonn ta’ bażi komuni ta’ kejl.
Investituri ta’ esperjenza jfittxu affarijiet komuni bħal kif avvennimenti dinjija affettwaw jew jaf jaffetwaw lil tali kumpanijji, l-andament tal-ekonomija tal-pajjiż tista tkun fattur ieħor ta’ studju. Kejl ieħor huwa meta kumpaniji jinxtraw jew jinqasmu. Dawn huma kollha biċċiet li meta jkunu studjati f’kuntest ta’ paragun joħolqu stampa iktar ċara dwar liema ishma jkun jaqbel li tinxtara.
Naturalment, irid isir aktar studju biex isseħħ due diligence effettiva. Meta jitqabblu żewġ kumpaniji irid jinstab denominatur komuni sabiex il-paragun ikun effettiv. Dan hu suġġett ta’ ħafna studju fih innifsu u hemm bżonn aktar minn dawn it-tliet paragrafi biex jinftihem sew!
Taħdita dwar ETFs u funds segwiet. ETFs huma Exchange Traded Funds. Nitkellmu għalissa fuq l-affarijiiet li għandhom komuni: dawn huma nvestimenti li jġorru inqas riskju meta pparagunati ma’ ishma ta’ kumpaniji ndividwali u huma open-ended jiġifieri skond id-domanda jistgħu jinħalqu iktar unitajiet. Dawn huma kollettiva ta’ strumenti li ħafna drabi jsotnu xi niċċa partikulari. Għall-argument, jekk investitur irid jixtri ishma ta’ xi kumpanija li tipproduċi l-microchips iżda ma jafx f’liema kumpanija għandu jinvesti allura jkun aħjar jekk jitfa’ flusu f’xi fond jew ETF li jkun qed isegwi l-andament tal-kumpaniji kollha jew ewlenija tal-produtturi tal-microchips.
Għalkemm għandhom dawn l-affarijiet kollha komuni, l-ETFs u l-funds xorta huma żewġ tipi ta’ nvestimenti differenti. Differenza li tolqotni ħafna hija li l-prezz ta’ fund huwa stabbilit meta tispiċċa l-ġurnata, jiġifieri wara li l-borża tagħlaq għal dak il-jum. Min-naħa l-oħra l-prezz ta’ ETF huwa dinamiku u jitla’ u jinżel live matul is-siegħat miftuħa għax-xiri u l-bejgħ. Minħabba f’hekk ETFs huma strumenti mmaniġġjati b’mod attiv allura meta investitur jixtri ETF ikollu jħallas minimum initial fee filwaqt li funds ma jbagħtux minn din ħabba li ma humiex segwiti b’mod attiv matul is-siegħat tal-borża. Peress li ETF jirrifletti l-andament ta’ kull ishma li jkun qed jirrapreżenta, jekk il-prezz ta’ mqar ishma wieħed jonqos drastikament dan se jiġi rifless fil-prezz totali tal-ETF. Dan kollu jfisser li ETF jinbiegħ u jinxtara bħal ishma normali iżda huwa meqjus bħala iktar sikur apparagun mar-riskji li l-ishma normali jġorru magħhom.
L-aħħar taħdita edukattiva ta’ din il-konferenza kienet dwar kif jinbena portafoll ta’ nvestiment. Punt bażiku u effettiv hu li wieħed għandu jiddiversifika. Dan ifisser li persuna ma tkunx qed tinvesti bl-iktar mod għaqli jekk bil-flus kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha tixtri ishma ta’ kumpanija waħda biss. Ir-raġuni hija li jekk din tmur ħażin il-valur tal-investiment imur il-baħar. Għalhekk wieħed għandu jpoġġi flusu f’aktar minn investiment wieħed.
Il-panel b’mod kollettiv saħaq li investituri ġodda għandhom jitkellmu b’mod ċar u liberu dwar il-preferenzi u r-riskju li jixtiequ jieħdu meta jinvestu sabiex il-kumpanija mqabbda tkun taf eżattament fejn għandha tpoġġi flus il-klijent. Fi ftit kliem waqt diskussjonijiet bejn klijent u kumpanija liċenzjata ma jridx ikun hemm tidwir mal-lewża! Il-kliem irid ikun ċar u sinċier.
Ħafna drabi, aħna nistħajlu li qegħdin f’interrogatorju. Mingħalina jibdew jgħaddu ħsibijiet bħal, “Imma dan x’jinteressaħ kemm naf fuq dawn l-affarijiet? Ma ngħmlux mod li qed jistaqsini hekk biex jipprova jisloħni!”. Għall-kuntrarju, dawn in-nies ikunu qed jistħarrġu dwar kemm aħna lesti li nirriskjaw flusna. Għalhekk il-ħafna domandi. Jekk l-investitur ma jkunx sinċier jista’ jingidem għax bir-risposti tiegħu jagħti x’jifhem li għandu ċerta tolleranza għar-riskju iżda mbagħad meta jara li f’xi xhur l-investimenti marru għall-agħar flok il-quddiem jippretendi li jitfa’ l-ħtija fuq il-kumpanija awtorizzata li tmexxi flusu. Il-klijent irid jafda lill-kumpanija li ser tkun qed tħaddimlu flusu billi jagħti mpressjoni fattwali ta’ kif jixtieq li l-flus tiegħu stess jiġu mħaddma.
Tmiem il-konferenza wasal u ingħalqet b’diskors mill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna. Dan saħaq f’kemm huwa mportanti li nvestitur li għadu jibda f’dan il-qasam u kemm dak veteran jibqgħu jitgħallmu u jitħarrġu f’din il-professjoni sabiex id-deċiżjoni finanzjarji li jieżdu jkunu dejjem l-aħjar possibbli. Dan kollu jagħmel mill-Borża ta’ Malta u dawk madwar id-dinja ambjenti aktar siguri u effiċċjenti fejn wieħed jinvesti b’aktar serħan il-moħħ.
Ntemm din il-kitba billi nfakkar li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma indispensabbli l-aktar meta nvestitur ġdid jiddeċiedi li ma jużax is-servizz ta’ stituzzjoni liċenzjata u minflokk jieħu d-deċiżjonijiet waħdu ta’ kif jinvesti flusu u liema strumenti jagħmel użu minnhom. Il-Borża ta’ Malta toffri t-taħriġ neċessarju biex tali nvestitur jikseb forma tajba ta’ edukazzjoni sabiex jasal għal konklużżjonijiet tajbin meta jiġi biex jixtri jew ibiegħ dawn l-investimenti.
Artiklu ippubblikat fil-ħarġa numru 49 tar-rivista Shareholder's News tal-MASS fi Frar, 2020.