Ponn Laħam

Nieqaf. Irrid nieqaf naħseb. Nagħlaq għajnejja u nqum safi u bla ħsibjiet. Din lanqas biss naf xi tfisser. Forsi missieri w ommi jafu xi tkun paċi u libertà mingħajr jasar. Jasar mhux minn gvernijiet jew persuni krudili, iżda dinja qarrieqa fejn il-mostri rebħu fuq il-bnedmin u l-ftit li baqa' minna qed jippruvaw jgħixu mingħajr ma jiltaqgħu mal-mewt. Dan huwa daqsxejn impossibbli. Fil-ħamsa u għoxrin sena li għandi, nafni biss fil-qtugħ tal-qalb. Nafni biss imbeżża' li l-jum tal-lum ikun l-aħħar. Għada jaf niltaqa' ma' IT. Fl-ingliż hemm il-he/she li jirreferu għall-persuni, umani bħali, u hemm l-it li tirreferi għall-kreaturi renjanti bħalissa. Abominabbli u qattiela. Ħallelin tal-ħajja kif nafuha aħna. Għada huwa possibbli li jkun l-aħħar jum tiegħi. Kulħadd jaħsibha bħali. Ftit baqa' nies. Ma nistgħux niġġieldu għal dejjem. Xi darba ser nispiċċaw. Tintemm ir-razza Homo Sapiens Sapiens, ir-razza tagħna l-bnedmin.

Xi darba mhux ser jibqa' ieħor bħalna. Uman. Xi darba, din id-dinja ser tispiċċa; kolonja waħda ta' mostri abominabbli.


Kuljum bl-istess storja. Moħħi ma jieqaf qatt jaħseb. L-arma kkargata ħdejja. Għad nolqotha u tkun hi li teħodli ħajti. Ironija. Hawn ħafna nies li ħadu ħajjithom b'idejhom stess. Imma jien determinat li ma nħallix dan isir. Fejn nista', nipparteċipa għall-kaċċa. Għalkemm kull ma jmur dejjem qed jonqsu n-nies, jew għax jinqatlu jew għax jaqtgħu qalbhom. Fejn ma nistax, nħalli l-qtil warajja u ngħin lil sħabi l-bnedmin bħali.


***


Ilbieraħ kienet ġurnata oħra qalb dawn il-katakombi. Id-dawl tax-xemx ili ma narah. L-aħjar ħin li noħorġu għall-arja friska ta' barra huwa filgħaxija. Dawn il-kreaturi nzertaw bħalna l-bnedmin. Il-maġġoranza tagħhom, jużaw il-lejl biex jistrieħu. In-numri tagħhom, fil-ħemda tal-lejl, jonqos sew. Għalhekk, ftit ikun hawn jiġru mas-saqajn, u faċli iktar biex noqtluhom. Wieħed minnhom fid-dawl kapaċi jħarbat għaxra minna. Bin-nuqqas ta' armi li għandna u skarsezza ta' ikel ftit għandna saħħa. L-isforz li rridu nagħmlu biex neliminaw imqar wieħed huwa kbir.


Issa qed nitħajru nieklu l-laħam tagħhom. Il-metodi antiki tal-bidja u t-trobbija tal-annimali ila li spiċċat ħlief għall-prattika ħafifa taħt l-art. Id-dawl tax-xemx huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti biex dawn l-attivitajiet jieħdu r-ruħ. Peress li l-mostri tefgħuna taħt l-art huwa diffiċli li nikkultivaw mingħajr ma joqtluna u jużawna ta' bhejjem għall-ikel. Għalihom, dak li aħna, priża għall-ikel.


Smajt xniegħat li min kien qed isofri wisq bil-ġuħ, daq il-laħam tagħhom. U li s'issa għadhom ħajjin. Għandna bżonn sew ta' nutriment, mhux qed nistaqsu għall-vitamini u minerali imma li ma mmutux bil-ġuħ.


Ħadd mhu qed jirrealiżża li jridu jgħaddu x-xhur biex naraw dawn in-nies li daqu x-xjaten, x'ser jiġrilhom. Tgħid jinbidlu f'mostri huma wkoll? Jew imutu wara ftit żmien? Jew jissaħħu u jkunu b'saħħithom biżżejjed li jgħinuna noqtlu 'l dal-bhejjem li qed jifflaġellawna? Tgħid jekk jibqgħu ħajjin u jirnexxielhom jipproduċu t-tfal, it-tfal ikunu ġenerazzjoni ta' saħħa barranija u qalb mingħajr tebgħa ta' biża'?


Bħalissa dawn l-aħħar żewġ ħsibijiet huma fuq moħħ kulħadd. Kollha kemm aħna b'qalb maqtugħha. Ngħiduha kif inhi tant għandna ftit ikel u ilma li ma nistgħux nittestjaw jew nistennew ix-xorti tagħna tagħmel xogħlha. Id-deċiżjoni u l-azzjoni trid tittieħed issa. Għax issa nafu li ħajjin; għada ma nafux.


Jidhirli li naqblu. Il-morda, dawk li ma jistgħux jiċċaqilqu u l-anzjani ser jieħdu porzjon żgħir ta' laħam kuljum minn ta' dawk il-qżieqeż. Naf li kull esperiment li jkollna nippruvawhom fuq dawn in-nies, imma ma nistgħux nissugraw ħajjet l-irġiel u n-nisa li bħalissa qed jieħdu ħsieb id-difiża tagħna. It-tfal kwistjoni oħra. Imutu huma u min ser jieħu postna 'l quddiem?


Kulħadd preżenti xengel rasu bi qbil. Missirijiet u ommijiet ta' dawn l-istess nies kienu ser ikunu vittmi ta' dawn it-testijiet. Jieklu laħam il-mostri. B'għafsa ta' qalb qablu. Jafu li għall-ġid tal-komunità. Ħadd ma jrid jara l-ġenituri tiegħu u l-qrabatu jmutu imma jafu li aħjar dawn l-anzjani u diżabbli milli n-nies li f'idhom għandhom l-armi.


Ommi u ħija wħud mis-suġġetti. Missieri ilu mejjet, vittma ta' wieħed mix-xjaten. Ħija tilef partijiet importanti ta' ġismu li ma jħalluħx jaqdi dmirijietu fid-difiża tal-bażi tagħna. Ommi xjaħet f'daqqa, bl-inkwiet u bil-mewt ta' żewġha. Ma hemmx iktar x'nista' ngħid fuqha, ħlief li tellgħatna żewġt irġiel bieżla u li mmiddu jdejna fejn il-bżonn jitlob. J'Alla dan il-laħam ma jkunx il-kaġun tal-mewt tiegħek, għażiża ommi.


Mil-lejla stess ħa nibdew nqassmu l-ikel il-ġdid. Nispera li ma jiġux bil-ġlied. Suppost jafu li dan għal ġid tagħna lkoll. Imma nimmaġina li ħadd ma jieħu pjaċir ikun il-ħaruf tas-sagrifiċċju. Jasal illejla u naraw kif immorru għax kif inlesti mill-ħdma tiegħi ngħaddi għat-tqassim tal-ikel. 


Xogħli huwa li niddefendi waħda mit-tliet entrati. Ma tantx ikun hemm x'nagħmel ħlief li jekk jersaq viċin xi mostru ndoqq qanpiena biex navża l-kamp sotterran u nintefa' nispara qisni miġnun fuq il-bhima bit-tama li titgerrex. Dan qatt ma jkun il-każ, normalment, jingħaqdu miegħi erbgħa oħra. Nibqgħu nisparaw sakem tinstabat mal-art. Għal xi raġuni l-attakki jkunu minn individwu wieħed, qatt ma jissieltu fi gruppi. Allaħares! Dakinhar li sseħħ ikun l-aħħar jum tagħna.


Il-kamra tal-infermiera u l-kamra biswita, speċi ta' sala tal-isptar, ġa ppreparati u lesti b'iżjed sodod u tagħmir tal-operazzjonijiet. Iż-żewġ tobba li għandna tal-fehma li qed nagħmlu żball kbir. Qed jibżgħu li ser ikollna ħafna mwiet dal-lejl. Ma kienx laħam tax-xjaten li vvintajna.


***


Daż-żewġ kaxxi għalik. Ibda mix-xellug, għandek l-ewwel tliet fillieri.


Dan huwa l-persuna li ħa pjaċir iqatta' l-laħam minn żewġ katavri. Bil-gost u l-pjaċir kollu rajnieh jitfa' dawk il-biċċiet fuq in-nar biex mingħalih isajjarhom. Iżda d-daħk u l-gost kollu marilna. Laħamhom baqa' kif tefagħhom. Wara tliet sigħat fuq in-nar, saħan imma l-ebda reazzjoni ma kien hemm. Laħam normali jiswied, jieħu ċerta kulur u jkun jikwi. Dan xejn, fietel, u kannella, il-kulur naturali tax-xjaten.


Kien filfatt dan it-tagħrif li ħasad lit-tobba u li ħassrulna milli nkomplu bil-pjan tagħna. Il-kap baqa' bl-istess fehma. Għalhekk kien il-kap ghax kellu rieda qawwija u soda. 


Jien u nqassam, rajt min jitqażżeż il-laħam. U min ipoġġih f'ġenb. Iżda l-azzjoni li ħasditni kienet meta xwejjaħ b'id waħda, qabad il-laħma, gidimha b'saħħtu kollha, għomodha u belgħaha u nfexx jgħajjarha. Ibnu l-kbir kienu nstabulu biss saqajh. Il-kumplament ta' ġismu qatt ma nstab. Kien missieru stess li qala' l-par saqajn minn qalb it-tifrik. Għamel jiem sħaħ jagħti bil-ponn fuq ħajt. Idu kkankratlu u t-tabib ma sabx alternattiva oħra ħlief li jaqtagħhielu. 


Wara li kulħadd ra dik ix-xenata, kulħadd kiel il-porzjon laħam. Ħadd ma kkummenta ħlief għal żewġ ġuvintur morda bit-tuberkolosi, u magħhom ħija li ma setax iqum minn postu, li xtaqu xi ftit ketchup. Tbissima ta' sekonda u kulħadd waqa' fil-limbu jistenna mewtu wara li kiel dak il-laħam li tant kien jobgħod. 


***


Ħadd ma miet.


Għaddew tliet ġimgħat u baqgħu jieħdu qisu ponn laħam kuljum filgħaxija. It-tobba ma sabu l-ebda sintomi kuntrarju għan-norma u ħadd ma ħassu ħażin jew b'uġiegħ f'qalbu. Kulħadd baqa' ħaj. Min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed minnhom ma akkwista saħħa ta' ġgant u issa qed ngħiru għalihom għax huma qed jieklu iktar minna. Aħna bqajna bl-ikel li nsibu u bil-ftit affarijiet li nistgħu nkabbru taħt l-art. M'aħniex bdiewa ta' klassi jew raħħala, imma s'issa qed ninqdew. Xorta waħda għandna skarsezza kbira. Il-kap għadu ma ddeċidiex meta ser nieklu minnu aħna wkoll. Mhux konvint, qed jimmaġina li ser jiġri xi ħaġa. Qatt ma kien paranojku. Iżda kemm ilu li ntroduċa il-laħam tal-mostri fid-dieta tal-pazjenti qed jissuspetta li hemm xi ħaġa ħażina. Bil-kemm ma ngħidx li qed jisħet is-siegħa u l-mument li sema' minn dak il-barrani...


***


Jum fost l-oħrajn wara xi siegħa fl-għassa tiegħi, instemgħet għajta, tagħti għal twerżieqa. Mara. Nofs sekonda wara, nisma' l-ħoss li xi ħaġa tqila tagħmel meta taqa' u tinstabat mal-art mingħajr ma titfarrak f'mitt biċċa. Sħabi tal-għassa,  qamu mfixkla, imma ma ħallewnix niċċekkja x'kien is-sors ta' dak il-paniku. Riedu li par għajnejn mhux mittiefsa bin-ngħas jibqa' għassa sabiex javża jekk ikun hemm l-iċken ħjiel ta' inkwiet minn fuq wiċċ l-art. Jien, allura bqajt f'posti b'għajnejja miftuħin beraħ għal kull ma jista' jinqala mill-għar 'il barra.

L-għassa tiegħi għaddiet b'siegħa, u ħadd ma ġie jibdilni. In-nervi issa kienu qabżu l-limitu tal-kalma. Il-pala ta' sieqi x-xellugija bdiet toqmos. Il-palmi ta' jdejja jdellku bl-għaraq. Kont maħruq. Ridt nistrieħ ftit. Pespist u saffart fid-direzzjoni 'l ġewwa bit-tama li jismagħni xi ħadd u jiġi jibdilni jew imqar jgħidli x'kien qed jiġri. Xejn. Ridt ngħajjat u nibagħthom isaqqu l-ħass, imma ma stajtx. Dawk il-mostri, jekk ikunu viċin biżżejjed, setgħu jisimgħuni. Is-smiegħ tagħhom sensittiv sew.

Qbadt it-tromba, u ġġennibt ftit 'il ġewwa waqt li ħadt pużizzjoni li kif indur xorta waħda nara sew x'hemm barra mill-bażi tagħna. Bl-arma ħdejja, u bit-tromba f'idi taħbat bil-mod ma koxxti, iċċassajt. It-tromba ma kellix bżonnha biex nifhem x'seta' kien qed jiġri. Kienet attività li għalkemm rari, kienet maħbuba ħafna. Pero kien hemm żewġ differenzi minn meta tiġri ssoltu. Waħda li jkun hemm xi għajjat u storbju u n-nies isiktu 'l xulxin u l-oħra li javżawni minn qabel li se ssir u niġi nfurmat bl-iżvolġiment.

Qalbi bdiet tħabbat. Qisha kienet taf minn qabel l-osservazzjoni ta' għajnejja li xi ħaġa marret żmerċ. Marret ħażin għaġeb. Qbadt ġebla, u garajta b'mira lejn dahar wieħed mill-udjenza. Dar lejja, jiċċekkja min laqtu, rani, ħares dritt imsammar lejja u xengel rasu darbtejn. Qisu ried jgħid, kollox mitmum, ma nistax nemmen.

Ma' dik il-mossa rkopptejja tawni s-sinjali li l-biża' kienet ser tibda l-progress tagħha. Ma ridtx inċedi. Sa fejn kont naf jien, ma kien ġara xejn li seta' jagħmlilna l-ħsara. L-unika kapriċċi setgħu jiġru biss minn barra. B'pass xejn mgħaġġel, bil-kemm irrid nimxi, u b'seduzzjoni li għattietni daqs mantell, ersaqt 'il quddiem ħalli nara x'kien li tefa' sikta daqshekk qawwija fuq l-abitanti ta' taħt l-art. Dak ir-raġel kien diġà dar lura jħares lejn il-kurżità li daqt kont ser niskopri. Kif wasalt warajh, poġġejt idi fuq spalltu. Dar u ħares lejja b'kalmezza li tħassarlek demmek u wara ħares lejn l-entratura. Bħal ried jgħidli, din id-darba għandek raġun biex tbiegħ li tabbanduna l-għassa tiegħek. Jerġa' jdur lura u jipponta subgħajh dritt 'il quddiem. Għajnejja, bla kmand, isegwu s-sinjal tiegħu. U mal-viżjoni, jinqabbżuli d-dmugħ.

Il-barrani kellu idu l-leminija maqtugħa barra, ftit ċentimetri 'l bogħod minn ġismu ħaj. Fl-oħra, li kienet imqabbda u mwaħħla normali miegħu, xafra tawwalija. L-id mal-art ma kinetx li qabbżittli d-dmugħ. Ir-ras maqtugħa u l-ġisem mejjet ta' biswitu kienu li xerrduli l-likwidu mielaħ fuq ħaddejja. Il-kap tagħna kien mejjet f'għadira demm skur.

Irvillajt u għajjat. Sikktuni u sabbtuni ċappa fl-art. Ma stajtx nemmen. In-nies li dejjem urew imħabba u ammirazzjoni lejn il-kap tagħna kienu dawk stess li qed iċaħduni milli nivvendika l-mewt tiegħu. Dak ir-raġel li kkomunikajt miegħu ftit qabel, pespes erba' kelmiet f'widnejja. Jien ġa kont imħawwad, imma l-frasi li qalli kkonfondietni mhux ftit.  

Il-kap, l-ikbar għadu, meħlusin.

Meħlusin? Qatlu u tiġi tgħidli hekk?

Għajjat b'kemm tagħtni l-gerżuma għax xejn ma kien qed jagħmel sens.

Il-barrani, niżel għarkopptejh mal-art, ġabar idu l-maqtugħa, qam u resaq quddiemi.

Itilquh.

Hekk għamlu. 

Ersaqt lura b'ħeffa kbira u ppuntajt l-arma tiegħi dritt għal wiċċu. F'għajnejh ma lmaħt l-ebda ħasda. Antiċipa minn qabel li kif inkun meħlus kont ser neħodlu ħajtu.

Il-kap tiegħi, ħadlek idek, jien ma nkunx kuntent qabel ma neħodlok ħajtek.

Le, idi jien stess qtajtha, it-tieni darba, l-istess id.

Kif? Se tgħaddini minn għajn il-labra issa?

Kliemi bżaqtu qabel ipproċessah moħħi. Ir-rabja u l-mibegħda ħadu kontroll tal-menti tiegħi.

Rema l-arma.

B'hekk forsi temminni aktar. Ħares lejn idi l-leminija u emmen.

Ma stajtx nafdaħ. Ħallejt l-arma ppuntata lejh. Għajnejja mexxejthom lejn idu l-leminija. Bil-mod, ressaq l-id il-maqtugħa lejn spalltu l-vojta. Minn qalb id-demm rajt qisu laħam irqiq joħroġ 'il barra minn taħt il-komma mtertqa. Spalltu bħal xammet li idu kienet ġejja lura f'postha għax kif l-ispazju bejniethom kien ta' madwar għaxar ċentimetri, laħma daqsxejn eħxen mill-oħrajn sparat u ġġebbded u daħlet ġol-id li dejjem kienet riesqa aktar viċin. Ma stajtx nemmen 'l għajnejja. U l-ħoss li dik il-makabrità bdiet tipproduċi? Twaħħxek. L-istonku kellu reazzjoni ħażina. Ħallejt l-arma taqa' minn idi u żammejt ħalqi b'id, u l-istonku bl-oħra. Ħassejtni se naqla'!

Ġa kienet realtà iebsa li f'dinja b'maġġoranza ta' umani saret dinja bl-umani bħala skjavi u laħam għall-mostri, imma li nara persuna bħali b'idu amputata u jwaħħalha qisha qatt ma nqatgħet ħassejtni nitlef is-sens kollu tar-realtà. Qlajt kulma kont kilt. Stħajt u ħmart imma fuq kollox dak il-ħin kont konfuż. Kif jista' jkun? Maġija? In-natura tiegħu? Aljen? Speċi ġdida ta' bnedmin qed tfaqqas fostna? 

X'qed taħseb? Aqsmu magħna.

Bl-iktar manjiera ġentili, bħallikieku mingħalih li l-arma ma kontx se nużaha kontrih, resaq aktar qribi. Minnufih, ġbart l-arma imma b'dik l-id li kien għadu kif waħħal f'postha qabad l-arma u bi skoss qawwi qalaħħha minn idejja. Tfixkilt. Dejjem nafni b'saħħti imma forsi għax iddajjift minħabba t-taqlieħ fl-istonku ħallejtu jtajjarha minn idejja daqshekk faċilment. Iżda ftit sekondi wara sirt naf li dak il-ħsieb ma kienx minnu. Hu kellu saħħa barranija. Fatt mixhud minn daqqa ta' ponn fl-art u l-marka fonda ftit ċentimetri li ħalla wara li qala' idu minn mal-art. 

Ieqaf!

Għajjat inkorlat.

Għadek ma rrejaliżżajtx li jekk ridtek mejjet, kont neħlisha x'ħin irrid?

Idur u jipponta lejn ġuvni.

Żagħżugħ, ersaq lejja.

B'pass għajjien, bla konvinzjoni, mexa 'l quddiem. Kif wasal ħdejn il-barrani, niżel ħdejja.

Tiftakar meta bdejna niċċajtaw, u ridtek tnewwilli l-ketchup? Tarani differenti minn dakinhar? Qed tarafni?

Ma kienx jaf x'ser jaqbad jgħid iktar. Minflok tkellimt jien.

Xiex?

Nisgħol iktar bili. Nimsaħ ħalqi u nkompli.

Jien qatt ma rajtek hawn. Meta dħalt hawn ġew? Mhux fl-għassa tiegħi żgur.

Inti qed tiċċajta hux? Possibli mhux…

B'xejra ta' id il-barrani, iż-żagħżugħ siket.

Jekk ingħidlek li lil dan il-ġuvni inti tafu sew, tafu ħafna mill-qrib, temminni? Dan wieħed partikolari, pero bħalu hawn ħafna oħrajn. Jaqaw ilek ma żżur id-disabli, dawk li ma jistgħux jgħinukom fi dmirijietkom?

U hemmhekk moħħi beda jgħaġġel u jagħmel kalkoli fuq ħsibijiet u memorji li jien u l-kap konna darba qgħadna nitkellmu. Kienet biża' tiegħu, ċaħda  ta' fehma li xtaqna li ssir realtà. Imma jekk verament seħħet, allura kif issa l-kap spiċċa mejjet. Ma nagħmlux mod li ma riedx iċedi l-armi. Forsi kkonfrontah dan l-istranġier? Jew ifisser li dak li ttamajna sar realtà?

Roy, vera m'intix tarafni?

Roy, ismi. L-ewwel darba li qed niktbu fuq dan il-manuskritt. Kif temm kliemu, mara ftit kbira fl-età resqet lejn iż-żagħżugħ. Infxilt. Wiċċa familjari ħafna. Għaraftha. Kif kienet qed timxi? Allura veru li kont qed naħseb! 

Ommi. Fieqet. 

Dan allura ħija? Niftakru saqajħ mtertqa, b'tiċrita fuq sidru li għal naqra ma ħallietux mejjet u b'għajn nieqsa dejjem bil-ħofra mgħottija b'xi garża jew biċċa ċarruta. 

Ħija ż-żgħir fieq! 

U ommi. Kemm sbieħet. 

Wara l-mewt ta' missieri, il-ġilda tagħha nixfet f'daqqa u tkemxet mil-lejl għan-nhar. Kienet krieħet u xjaħet, imma issa...

Issa qiegħed tifhem? Din parti waħda mill-misteru li qed tara quddiemek. Imma qabel nurik it-triq, irridek tifhem ukoll għaliex il-kap tiegħek mejjet.

Minn mindu dan l-istranġier misterjuż sar juża' t-ton ta' xi profeta?

Jien tal-fehma li ma nibqgħux nistaħbew aktar. Intom aktar milli jiena. Lili rari tarawni hawnhekk. U naf li ngħaġġibkom. Nidol ġo dan l-għar mudlam fid-dawl tax-xemx mingħajr biża' li xi mostru ser jattakkani. M'iniex alla, lanqas xejn, anzi, għal kuntrarju għandi l-ġibdiet tiegħi, imma minn meta kilt il-laħam ta' dawk ix-xjaten, saħħti żdiedet u tqawwiet. Tistgħu timmaġinaw raġel ta' sittin sena bilkemm jiflaħ jiċċaqlaq, mejjet bil-ġuħ, jara mostru mejjet u jixxennaq għal biċċa laħam? Hekk kont jien ftit ġimgħat ilu. Ħarsu lejja.

Jinża l-libsa. Minn taħt kellu qalziet imqatta'. Sidru mimli tiċrit ħfief, il-bqija qisu skultura griega li saret tad-demm u l-laħam. 

Araw kif sirt. Kulu minn dak il-laħam u taraw x'saħħa trabbu. Wasal iż-żmien li lil dawk il-moqżież nuruhom min huma l-vera werrieta ta' din id-dinja. Daqshekk għexna fid-dlam, fil-biża'. U min irid jibqa' moħbi hawnhekk, affariħ imma ma jwaqqafnix għax tafu x'iseħħ.

U jdur iħares lejn il-katavru tal-kap.

Fil-pront, mill-bokka tal-għar nisimgħu twerżieqa li twerreċ anke l-iktar bniedem kuraġġuż. Aħna kollha tfixkilna iżda l-istranġier qas tħarrek. 

Ħa nagħtikom prova oħra ta' dal-predikament li għadni kif għedtilkom.

U telaq b'pass meqjus lejn l-entrata, bla armi iżda armat b'kuraġġ tal-azzar.

******



Verżjoni ta' din is-silta dehret fl-antoloġija Kliem Infinit/Unbroken Words.

L-awtur jixtieq jirrimarka li ma għandu l-ebda introjtu mix-xiri ta' din il-ppublikazzjoni jew minn VisionPlus.org.